Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, żar l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS), fejn iltaqa’ mal-ħaddiema tal-Aġenzija u ra mill-qrib ix-xogħol li qed isir f’dan il-qasam.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Bedingfield ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar riforma komprensiva fil-liġi tal-immigrazzjoni, bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-qafas legali u l-proċessi relatati mal-immigrazzjoni f’Malta.
Il-Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta qed ikompli jattira aktar ħaddiema barranin lejn il-pajjiż, realtà li ġġib magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi ġodda li jeħtieġu rispons responsabbli u qafas legali li jimxi maż-żminijiet.
“Il-pajjiż tagħna nbidel u r-realtajiet li qed ngħixu fihom illum huma differenti ħafna minn dawk tal-passat. Għalhekk irridu nassiguraw li l-liġijiet tagħna jirriflettu r-realtà tal-lum u jagħtuna l-għodda meħtieġa biex nimmaniġġjaw l-immigrazzjoni b’mod aktar trasparenti, ġust u effiċjenti,” qal il-Ministru Bedingfield.
Huwa qal li parti mir-riforma se tkun ir-reviżjoni tal-Att dwar l-Immigrazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1970. Minn dakinhar, Malta għaddiet minn trasformazzjoni ekonomika u soċjali sinifikanti, saret membru tal-Unjoni Ewropea u daħlet fiż-żona Schengen. Dawn il-bidliet kollha kellhom impatt fuq il-qasam tal-immigrazzjoni u fuq il-mod kif pajjiżna jrid jindirizza dan is-settur.
“Għandna bżonn qafas li jimxi maż-żminijiet u li jirrifletti l-Malta tal-lum. Ir-riforma se tiffoka fuq proċessi aktar ċari u effiċjenti, filwaqt li nżommu l-prinċipju li s-sigurtà u l-ordni f’pajjiżna għandhom jibqgħu prijorità,” kompla jgħid il-Ministru.
Il-Ministru Bedingfield saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li, fl-istess waqt, ikun hemm bilanċ bejn is-sigurtà u l-ordni u r-rispett lejn id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, b’mod partikolari għal dawk li jkunu verament jeħtieġu protezzjoni u assistenza.
“Wara kull politika u wara kull liġi hemm in-nies. Għalhekk irridu sistema li tkun effettiva, li tagħti ċ-ċertezza meħtieġa u li fl-istess waqt tħares id-dinjità ta’ kull persuna. Dan huwa bilanċ li rridu nżommu f’kull pass li nagħmlu,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Bedingfield rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-AWAS għax-xogħol tagħhom ta’ kuljum u għar-rwol importanti li għandhom fl-implimentazzjoni tal-politika tal-Gvern f’dan il-qasam.